kinnie & twistees

prodott ghawdxi


Hedla, Wens u Ziffa


Xi zmien ilu t-Twanny kien il-Lussemburgu u intfajna nitkellmu fuq l-ekwivalenti Malti tal-kelma "Zen". Proprjament ma kienx l-istess kuncett ezatt bhaz-Zen. Ghax iz-Zen huwa Orjentali - jehtieg organizzazzjoni u dixxipplina. Il-qaghda estatika ta' Malta tintlahaq f'gurnata sajfija. Generalment se tintlahaq wara' nofsinhar wara li jkun iddedika l-ghodu minn l-ghabex sat-tokki tal-mezzodi' ghall-hruq tal-ftit energija li jiggenera il-metabolizmu mediterran. Ma dawn it-tokki li daz-zmien saru jeghrqu gewwa l-hoss tal-kwazimetropoli Maltija, il-Malti jerhila lejn il-post ta' mistrieh ta' l-ghazla tieghu.

L-ispanjoli isejhulha l-i"siesta". It-taljani jisirqulek il-"pisolino di mezzogiorno". Ahna ma nsejhulha xejn... ghax nisirquha. Tradizzjoni li kellna ghalfejn inkunu kburin minnha - tradizzjoni ta' serhan logiku illi huwa konformi man-necessitajiet ambjentali - kellna nishtuha bit-tabu' tal-"ghazz" illi impurtajna mill-pajjizi industrijali li sfruttaw lil kull min felhu sabiex jkunu jistghu jiehdu "afternoon tea" minghajr ma jtellifhom hadd.

Imma insomma. M'ghandhiex isem. Imma ghandha hafna elementi necessarji sabiex tissussissti. Biex tilhaq iz-Zen Malti irid ikun hemm sens ta' "hedla". Il-hedla hija it-telqa estatika konsoni mal-hoss tal-gurat u tac-cicala. Hija telqa ta' min jaf li ghad baqaghlu hafna x'jaghmel imma s-sakra tas-shana u nuqqas ta'energija tohloq impediment irrazzjonali lejn kull tip ta' sforz. Il-hedla thallik tintelaq fiha bhal ma tinfexx go xi bott nutella meta' tkun weghedt lilek innifsek li kull ma ha tiehu ponta ta' cuccarina.

Mal-hedla hemm sens ta' "wens". Ghax il-zen Malti jasal f'hin meta' ma jimpurtak minn xejn ghax tkun maqtugh minn kollox. "Tahseb xejn" jghidulek Ghawdex, "Tiehux hsieb", "tinkwetax". Il-wens huwa r-ritorn mentali lejn il-guf ghax f'daqqa wahda tinqata' u tiddawwar biss b'affarijiet u sens ta' kumdita' naturali li ggieghlek tahseb li tista' torqod anki imdendel ta' taht fuq minn xi sigra. Il-wens jigi espress lingwistikament fl-esklamazzjoni naturali tal-Malti (minghajr sarkazmu) - "Kemm qieghdin sew hawnhekk" li tigi segwita mill-kliem "ghall-erwieh". Huwa dan l-ekwivalenti fil-Malti tal-"Oooohm" Buddhist li jwassal ghall-karma. Hu ahna subkonxji ta' l-aspett spiritwali niddedikaw dawn il-mumenti ghal dawk li telquna - ghall-erwieh - u naghmlu dan minghajr ma nafu li kilometri u kilometri il-boghod f'xi tempju Shinto il-Gappuniz qed jaghmel l-istess haga.

U imbaghad il-karma assoluta ta' din il-waqfa postmeridjana Maltija tintlahaq bl-intervent divin. L-ahhar aspett fil-fatt jiddependi fuq il-forzi tan-natura ghax irid joghogobha tibghat dik iz-ziffa helwa li ittawwallek l-esperjenza ghax taghmilha mill-iktar pjacevoli. Iz-ziffa tghaqqad il-hedla u l-wens f'esperjenza unika u wahdanija. L-ebda frustier ma qatt ser jifhem kif din il-forma Maltija taz-Zen u karma tintlahaq. Fl-ghajn inespert tal-barrani se tissejjah "ghazz" u "letargija". Imma dawk mazuni. Ma jifhmux.

Ghad m'ghandniex kelma ghal din l-esperjenza mistika li tintlahaq fil-gzira f'nofs il-mediterran. Min jghid ha mmur niehu naghsa (bhal ma forsi qal ir-ragel fir-ritratt li qbadtu jonghos quddiem il-Qorti) qed ikun dispregjattiv lejn din in-non dixxiplina nostrana. gietni idea. Qbadt l-ittri tal-Hedla, tal-Wens u taz-Ziffa u nahseb nistghu nghidu li flok Zen ghandna HEWZ. Stat ta' HEWZ - stat sublim ta ' hedla u wens komplut b' ziffa tajba.

X'ghamilt wara nofsinhar? Hewwizt naqa'. Imbaghad mort lura' ghax-xoghol.
Hewwez hewwez ha tigi f'tieghek.
Ahjar hewza wara nofsinhar milli xeba' kafe' filghodu.
Hewza wara nofsinhar izzommok tant il-boghod minn sptar.

u nkomplu...

Id-Dell


Meta tohrog ix-xemx gewwa Lussemburgu kullhadd jaghmel li jista' biex isib ruhu barra. Kullhadd jipprova ilaqqat sa l-ahhar ragg tax-xemx kemm jista' jkun. Allura gieli tinzerta li tkun miexi fi triq gewwa ic-centru u tinduna kif in-nies ikunu ikkoncentraw ruhhom fuq in-naha tat-triq fejn tkun irnexxiela tiddeffes id-dawl tax-xemx. Il-fenomenu ma jkunx daqshekk wiehed li ta' min jinnotah jekk ma jkunx ghall-fatt li tigi lura f'pajjizek u tinduna l-kuntrarju. Strada Rjali taghli imsawwta minn xemx ta' shana kiefra tant li l-art iddahhan u 'kk ithares il-boghod tara sembjanza ta' miraggi urbani. U l-bicca l-kbira ta' nies mixjin f'kuritur dejjaq fejn ma rnexxiliex tidhol ix-xemx.

Kif ihobb jghid hija: Min mejjet ghall-qatra'... u min mejjet fis-sakra.

Paranga

Kilna il-Paranga illum. Tal-genn. Sinjal ta' kif jekk l-affarijiet ikun maghmula sew Malta taf tkun genna ta' l-art. Post iddisinnjat bellezza u semplici. Platti tajbin, mhux goffi izda mhux maghmulin fuq budget ta' xehha. Servizz impekkabbli minghajr ma jtellfu il-godiment. U n-natura taghmel il-bqija. Is-sbuhija tal-Bajja ta' San Gorg u xemx tisreg. Taht id-dell il-platt Risotto Ai Gamberi nizel bhal manna u ovvjament il-Kinnie kien kumplimentari. Espresso macchiato maghmul kif suppost u limoncello compliments ta' Nikki il-manager ... li kien jilghab futbol mieghi meta konna ghadna taht is-sittax mal-Melita. L-epikurew ta' go fija sodisfatt- u kwazi kwazi il-qrid tal-erba pepe' tal-mejda ta' hdejja dwar "how hideous the voting was" fil-Ewrovixin laqqas dejjaqni xejn.

Ma nahsibx li kien hemm ikla isbah biex niccelebra il-wasla lura Malta.

Issa t-twistees jonqos... sejjer ir-Riviera forsi insib niekol pakkett hemm.

Sahhiet.

Razzizmu

Photobucket - Video and Image Hosting

Il-gilda tieghi stramba. Kulurita biex niftiehmu. Kemm ilni il-Lussemburgu sirt iktar konxju taghha. Qabel, go pajjizi, kien ikollha zewgt ilwien. Bajdani fix-xitwa u fis-sajf toqrob lejn is-sewdieni. Ghandhom kelma ghas-swidija tieghi go Franza. "Bazanee". Ma tfissirx iswed izda laqqas dak il-kaffelatte mestizo. Bazanee. Kulur il-Malti maghrebin. Kemm ilni hawn sar ghandi gradi differenti. Fl-eqqel tax-xitwa il-gilda qisha iccedi kull tentattiv ta' prezentabilità. Tiehu lewn griz. Lewn il-mard. Reazzjoni kerha ghall-kesha harxa u nuqqas ta' xemx. Imbaghad meta tohrog ix-xemx (anki dik Lussemburgiza) nerga naqleb lejn il-Bazanee. Dan l-ahhar wara gimaghtejn go Cuba gejt lura Bazanee kif suppost.

U l-weekend li ghadda kont Metz. Kelli hafna qadjiet u irqadt ghand omm it-tfajla. Ghand Evelyne. S-sibt filghodu kelli nerga lura l'hawn ha nkompli narma l-ghamara gdida li xtrajt. Melanie waslitni sal-karozza ghax kellha tiehu xi affarijiet minn go tieghi u titfaghhom go taghha. Sakemm qed inhottu bil-kalma kollha johrog il-gar ta' Evelyne. Ragel xih. Ghandu sebghin sena' u hareg bil-pagama. Resaq lejn Melanie u staqieha jekk jistax jghidilha kelma. Mel, hi ukoll fil-pygama, qaltlu mela le.

Kien hemmhekk li s-sur Joli biddel it-ton. Qallha "Hemm bzonn nittallab biex thallu l-ispazju ta' quddiem id-dar tieghi vojt?" Ma kienx qed jghid ghall-garaxx. Dak kien vojt. Kien qed jghid ghall-bicca bankina li tghaddi quddiem daru. GHal bidu Mel qaltlu li kemm jista' jkun tipprova tersaq lejn darha imma li kif seta jara kellna zewg karozzi u... Ma riedx jaf. Tpastaz il-bodbod. Beda jgholli lehnu u jgorr li kellu jimxi hafna minn karozztu sal-bieb.

Jien bqajt imbellah. Ara dar-ragel hiereg minn daru jitlob favur u minflok jitlob bil-pulit gej bl-arroganza kollha. U milli jidher ma kenitx l-ewwel darba. Harget omm Mel tipprova tippacifika imma kull ma ghamel is-Sur Joli kien li tpastaz maghha ukoll. Tawwal ilsienu. U ma riedx jifhem li ma kellu l-ebda dritt ghal dak li kien qed jitlob ghalkemm kienu lesti jaghmluhielu bhala favur. Imbaghad f'daqqa hareg insult zejjed. Indirizzat lejn Melanie.

Kien hemmhekk li ma flahtx. Kont gdimt ilsieni ghax ma kienx posti. Imma xhin rajtu jitpastaz u jitbellagh quddeim zewg nisa qabzitli. U indhalt. U bil-Franciz tieghi bejn sahna u ohra indhalt. U spjegajtlu li ma kienx mod kif ikellem lin-nies. Izda (f'mohhu) zbaljajt ghax bir-rabja uzajt l-informali "TU" flok il-formali "VOUS". U qabadli maghha. Qalli li ma kellix dritt inkellmu hekk ghax ghandu sebghin sena. Bil-Franciz ghidtlu li inkellmu kif izzikk irrid u li r-rispett tirbhu bil-komportament u mhux biz-zmien. U li u ma kien haqqu l-ebda rispett jekk johrog jinfoska n-nies.

Ghajnejh qabzulu minn go rasu. Ma felahx. Ipprova isikkitni b'Tais-toi! ghidtlu li jekk irid ikellimni ghandu jindirizzani bil-"Vous". U hemm bezaqha. Qalli "lanqas inti minn hawn int." U xammejtha gejja. Staqsejtughala qed jghid hekk. Forsi ma toghgbux il-kulur tal-gilda tieghi? U waqa ghan-nassa il-gifa. Qalli "Je suppose en plus que tu est Musulman". U infqajt nidhaq f'wiccu l-imzebbel. Ghidtlu li jien gej minn pajjiz ikar Kattolku mir-razza u r-radika tieghu (u ezagerajt ghax ghidtlu f'pajjizi la ghandna d-divorzju u lanqas l-abort - mhux bhaz-zibel ta' pulptu li minghalih se jippriedka minnu).

S-sur Joli ha pass lura u minn gol"gnien" tieghu qalli li u jista jitkellem kif irid ghax qieghed f'daru. Jien ghidtlu li jien nitkellem kif irrid ghax qieghed fit-triq (fil-fatt kont fuq in-naha l-ohra tal-hajt). Ghidtlu li jekk ma joghgbux il-Franciz tieghi nispjegalu b'liema lingwa irid. Spjegajtlu bl-Ingliz u bil-Malti (ghall-punt). Baqa iccassat u qalli ma jifhimx. Qalli naghlaq halqi ghax hu puluzija irtirat. Ghidltu prosit ghal ghoxx halqek (l-ekwivalenti franciz) u ghidtlu li jien avukat u ghadni nahdem. Spjegajtlu li issa fhimt minn fejn gejja l-injoranza u intolleranza kollha tieghu. Ipprova jkellimni imma ma hallejtux ikompli jinsulta lil kullhadd. Beda jghajjat "C'est la Guerre" u staqsejtu hux se jerga jkollu bzonn l-Inglizi jigu isalvawh. Hallejtu hemm inkazzat jghajjat u jwerzaq fil-pygama. Irrabjat ghax ghandu tort! Irrabjat ghax l-iswed li dejjem jara diehel u hiereg ghand il-girien ma hux mislem u allura ma jistax jaqbad mieghu! Irrabjat ghax jaf li issa kull cans li ghandi nitfa il-karozza quddiemu.

U wara, jien u nikkalma ma stajtx ma nikkuntemplax il-fatt li s-Sur Joli ried jirbah l-argument semplicement billi jittikettani Musulman, iswed u mhux minn hawn. Ara vera r-razzisti kollha l-istess zibel kull fejn tmur. Mur ghidlu li jiena bazané Maltais gej mill-gzira ta' ghasel u halib ta' sehibna Lowell. Mur spjegalu li ma jistax ikun razzist mieghi ma jmurx nibaghtlu xi erba tough guys armati bit-tyres tal-karozzi u landa pitrolju.

Hawwadni ha nifhmek xbin.

* R-ritratt huwa ta' Daphne Caruana Galizia of course u qed jigi riprodott hawnhekk semplicement b'sinjal ta' solidarjetà mal-opinjonista wara l-eventi ta' tmiem il-gimgha.

L-Awrina Felina


Sakemm domna Cuba Xitan "issewwiet". It-tiswijja kienet necessarja ghaliex malli hadniha ghand oht Melanie iddecidiet terga tidhol f'wahda mill-perijodi ta' sahna li tant kienet taf taghmel. Tibda twahwah daqs Caterina Caselli fuq l'ecstasy u tkompli tinghi bhal (alla jahfrilha) Mia Martini f'depression sakemm tikkulmina f'attakk ta' twahih kontinwu stile Shakira fuq slo-mo. Julie, oht Melanie, la ghandha il-pacenzja u lanqas id-disorganizzazzjoni taghna. Ma' l-ewwel hjiel li waqaf it-tinwiegh hadet lill-Xitan s'ghand il-veterinarju u dan sewwa il-qattusa billi serqilha nofs il-femininita' taghha. Rizultat: daqshekk sahniet u Xitan saret qattusa modella.

U issa li giet lura gewwa Rue de Bragance ghandha l-added bonus li tista' tohrog 'il barra - lussu li qabel ma kienx permess ghaliex il-Parc de Merl (illi ghal fuqu jaghti it-terrazza) huwa moghni b'kollezzjoni tomcats suwed, bocci u bestji illi konvint li mejtin jaghtu daqqtejn Chalie t'hemm isfel lill-Xitan. Issa li c-cansijiet ta' prokreazzjoni diabolici huma nulli nista' nippermetti dan ir-riskju.

Wara ftit jiem li kienet qed tohrog skopejt i l-biza' li kelli li Xitan se titwerwer mill-bullijiet tal-park kienet inutli - unfounded kif jghidu gewwa albjun. Kont xhud ta' girja vjolenti ta' Xitan ghal wara qattus erba darbiet daqsha. Inkredibbli - trid tara biex temmen. F'kemm ilni nghidlek Xitan saret ir-Regina tal-kantuniera taghna tal-park. Laqqas il-cocker li kien obstinatament ibul mas-sigra tat-tuffiegh li ghandi taht it-terrazza ma ghandu jersaq daqshekk vicin.

Xitan drat ukoll tidhol u tohrog id-dar kif u meta trid. No problem. Issa baqaghli haga wahda biss x'nifhem. Probelma wahda. Ghax Xitan, minkejja dan il-hin kollu barra tiggerra bejn cespulju u sigra u haxix u x'naf jien, xorta ghadha zzomm il-pipi ghal meta tidhol id-dar. Tmur fil-litter li ghandha apposta u tiddepozita il-likwidi hemm. U jien innaddaf.

Imma nghid jien. Tigri wara qtates. Tigri ma park enormi. Tidhol f'toqob li lanqas qieghdin hemm. Imbaghad tistenna sakemm tigi id-dar biex titlaqli il-bewla gornaljiera halli noqghod innaddaf? Ix-xjafek!

Hallejtkom.

Vidmar

Ilni intella' u nnizzel jekk nixtrix l-album tal-Calciatori Panini biex ingemmghu. Il-prezzijiet gewwa Lussemburgu naqra' gholjin ghal hdejn Malta. L-album jiswa' ewro u nofs. Kaxxa stickers (biex tibda' sew) tiswa' hamsin ewro filwaqt li pakket wiehed jiswa ghoxrin centezmu. Fid-Dukat kullhadd imgennen ghall-Calciatori. Anki fil-qorti kullhadd ipartat. Skond tal-Panini stess, il-Lussemburgu jghodd ghal kwart tas-suq totali tal-Calciatori meta tghodd il-Belgju u Lussemburgu flimkien.

S'issa kont ghandi ma dhaltx fost dawk il hamsa u ghoxrin fil-mija. Kont ghadni intella' u nnizzel. Poprjament kelli ezercizzju ekonomiku komplikat x'nikkalkula. Bejn opportunity cost u elasticity of demand u product substitutability kelli niddeciedi jekk hux ahjar tonfoq wiehed u hamsin ewro u nofs fuq l-album u l-ewwel kaxxa (bil-prospetti kbar li jkollok tixtri daqs kaxxa ohra biex tghaqqdu) jew inkella naghzel li nonfoq tmienja u erbghin ewro fuq FIFA 2006 the Road To World Cup (Deutschland) ghall-Playstation. Fl-ahhar l-ghazla kienet waqghet fuq ta' l-ahhar.

Izda s-sibt kont il-Cactus naghel ix-xirja u iddecidejt nilghab ix-xorti mad-dea bendata. Iddecidejt nixtri pakkett ta' hames stickers u l-imhatra kienet li jekk ninzerta imqar braziljan wiehed nixtri l-album. Izda x-xorti, minghajr hafna kalkoli ekonomici qablet mieghi. Il-players li sibt kienu dawn:

Luis Perez (Messiku)
Niko Kranjcar (Kroazja)
Raul Gonzalez (Spanja)
Micahel Owen (Ingilterra)
Tony Vidmar (Awstralja)

Xorta bqajt nilghabha. Xorta kont ghadni intella' u nnizzel. Sakemm dalghodu sinjal iehor tad-destin gieghlni nahseb. L-ANSA annunciat li Tony Vidmar ma hux se jiehu sehem fit-Tazza tad-Dinja ghax il-player ta' 35 sena ghadu kif skopra li ghandu kaz ta "Artimia Cardiaca". Qalbu ma ttiehx li jasal. U hemm bdejt ninkwieta. Ghax Vidmar kien wiehed mill-hamsa. U ga nafu li Owen ghadu jipprova jirkupra minn injury. U Raul Gonzalez mhux li f'siktu sa' l-ahhar. Niko Kranjcar huwa speci ta Maldini tal-Kroazja. Jilghab fit-tim maghzul mid-daddy. Luis Perez ma nafx min hu imma kien qisu l-izvintura messet mal-hamsa li tellajt.

Allura ghalissa ahajr ma ngemmghu xejn. Ma jmurx jinzertali xi Ronaldinho u naghmel xahar ma norqodx bl-inkwiet. Ghal Vidmar il-vera jiddispjacini ghax tifel sew. Kont se nghid qalbu tajba imma bhalissa ahjar noqghod kwiet.

Sliem.



Web This Blog

jacques rene' zammit

  • Jacques jghix fid-dinja minsija ta' Lussemburgu fejn jahdem bhala avukat fil-Qorti tal-Gustizzja Ewropeja. Il-kuntrasti bejn il-hajja go Malta u l-hajja fuq il-kontinent servew ta' ispirazzjoni biex jinholog "kinnie&twistees". Originalment il-blog beda' bhala semplici rubrika fuq "J'Accuse" li kien jisimha Sibtijiet Flimkien. kinnie&twistees huwa l-post fejn il-kontradizzjonijiet u l-affarijiet komuni jigu registrati. Dizzjunarju Malti-Ghawdxi m'huwiex essenzjali izda jista' jghin fil-qari ta' dan il-blog.


XML

Powered by Blogger

make money online blogger templates



© 2006 kinnie & twistees | Blogger Templates by GeckoandFly.
L-ebda parti ta' dan il-blogg ma tista' tigi riprodotta minghajr permess bil-miktub.
Dan il-blogg huwa intenzjonat ghal uzu personali. Il-kittieb jichad kull responsabiltà lejn qarrejja ta' dan il-blogg. Il-fehmiet espressi kinnie&twistees huma kollha tajbin. Fehma espressa fil-passat ma hix garanzia tal-futur. Jekk ha teqred ahjar bqajt id-dar. Jekk weggajt jghaddilek. Jekk hadt ghalik – haqqek. Jekk ghadek qed taqra prosit. Ghawdxi tajjeb aharqu. Kont qed taqra kinnie&twistees… prodott iehor Ghawdxi ta' veru.